L-aqwa fdal preistoriku f'Sannat huwa It-Tempju tal-Imramma. Dan il-fdal ingħata dan l-isem minħabba l-ħitan ħoxnin li bihom kien mibni dan l-kumpless. Jinsab f'dawra ta' 600 metru fil-lvant tal-ġibjun il-qadim, bejn żewg mogħdijiet li jagħtu lejn in-nofsinhar, sewwa sew f'nofs il-qasam art imsejħa x-Xagħra l-Kbira. L-arkeologi jikkonkludu li dan it-tempju hu mibni fuq stil primittiv jixbah ftit jew wisq lit-tempju żgħir tal-lvant fl-Imġarr, Malta. Aktarx li dan hu tal-fażi preistorika ta' Malta msejħa Mġarr, mis-sena 3800 sas-sena 3600 QK. Din il-fażi tiġi qabel il-fażi tal-Ġgantija.
F'Ta Ċenċ nsibu wkoll d-Dolmen. Dan hu monument taż-żmien megalitiku magħmul minn ħaġra kbira żatta minduda fuq oħrajn weqfin. Aktarx li d-dolmens kienu jinbnew b'tifkira tal-mejtin, l-istess bħalma aħna nagħmlu l-monumenti fuq l-oqbra tagħna.
F'Ta' Ċenċ hemm fdalijiet oħra li aktarx huma wkoll preistoriċi. Dawn huma l-kalati, jew kif inhuma magħrufin aħjar bl-Ingliż, cart ruts. Dawn huma żewg kanali paralleli mħaffrin fl-art qisu bil-mogħdija tal-karettuni. L-użu ta' dawn il-kalati għadu misteru sal-ġurnata tal-lum.