|
Wieħed mill-impenn li kellu l-kunsill ta’ Sannat mill-bidu ta’ twaqqif tiegħu, kien il-ħarsien ta’ tfal mill-periklu għal saħħithom waqt id-dħul u l-ħruġ tagħhom mill-iskola primarja. Kulħadd jaf li l-iskola tinsab fl-aktar triq traffikuża tar-raħal. Il-pjan tal-kunsill kien li jsir passaġ ,u tinfetaħ entratura mill-iskola għal triq sekondarja, jiġifieri Triq 28 ta’ April 1688. Saru diversi bsaten fir-roti biex dan il-pjan ma jirnexxix. Il-kunsill għamel pressjoni qawwija fuq l-awtoritajiet konċernati, fejn għamililhom ċara li ser nżommhom responsabli għal kull inċident li jista’ jinqalgħa. Sa nħareg il-permess biex tingħalaq Triq Sannat waqt id-dħul u l-ħrug ta tfal mill-iskola. Dan wassal biex saru diversi lmenti kemm fil-kunsill, kif ukoll mal-Ministru għal Għawdex. Is-sindku bl-appoġġ kontinwu ta’ sħabu l-kunsilliera baqgħa jitħabat kontra l-ħallel kollha li nqallgħu biex ix-xogħol beda u tkompla. Il-passaġ infettaħ, u minn nhar il-Hamis 23 ta’ Ottubru 2003, beda jintuża mill-istudenti li jattendu fl-iskola Profs Ġuże’ Aquilina.
Fil-kunsill kienu qegħdin jidħlu diversi lmenti fuq pressa baxxa ta’ l-ilma f’diversi nħawi, fosthom l-area ta’ Seguna. Ilmenti oħra, huma dwar il-kwalita ta’ l-ilma, ir-riħa qawwija ta’ ‘chlorine’u ħafna sadid. Bil-kollaborazzjoni ma’ dipartiment ta’ l-ilma, saru diversi xogħlijiet, biex tissaħaħ il-pressa ta’ l-ilma f’diversi nħawi tar-raħal u biex ittejbet il-kwalita ta’ l-ilma. Issa l-ilma kollu li jitla’ mill-‘boreholes’ qiegħed jinġabar fil-ġibju fejn jitħallat sewwa ma’ materjal biex jinqerdu l-mikrobi, qabel ma jgħaddi għand il-konsumatur. Qegħdin isiru xi xogħlijiet oħra biex jiġi stallat apparat biex jiffiltra l-ilma. Xogħlijiet oħra estensivi jridu jsiru fi triq ta’ Ċenċ biex jinbidel parti kbira minn main ta’ l-ilma.
Xogħlijiet oħra qegħdin isiru bil-kollaborazzjoni ma’ l-Enemalta biex jisaħħaħ id-dawl, f’diversi partijiet tar- raħal li ilhom għal ħafna żmien milqutgħa minn din il-problema. Nbnew sub- stations fil-limiti ta’ Ċenċ u ta’ Dun Luqa, biex jintlaħaq dan il-għan. Minħabba f’hekk saru u għad jridu jsiru xogħlijiet estensivi fi triq Dun Luqa, triq Ta’ Ċenċ, Triq Gruwa, Triq Palazzo Palina u Triq Skerla biex jgħaddu l-cables tad-dawl. Fis-sajf sar tqaxxir u tindif ta’ parti minn Triq Dun Luqa li tinfed ma’ triq Ta’ Ċenċ biex tkun tista’ tintuża mit-traffiku waqt li jkun qiegħed jsir dan ix-xogħol, ħalli jitnaqqas l-inkonvenjent.
Wara ftehim li sar mal-Kumpanija “faces’ twaħħlu żewġ ‘Bus Shelters’, waħda fi Triq Ta’ Ċenċ u l-oħra fi Triq Marziena.
Fi Triq Sannat twaħlet ‘telephone box’ bi servizz ta’ l-internet.
Saret pressjoni kbira mal-MEPA biex ingħata l-permess u setgħu jinxtelgħu l-fanali dekorattivi li hemm ma dawra tal-pjazza. Għaddej il-proċess biex isir tibdil fil-bankini tal-pjazza, u studju ta’ kif jista’ jiġi ikontrollat it-traffiku fil-pjazza.
Il-Kunsill għandu prijorita assoluta l-indafa ġewwa r-raħal. Kuntratti ta’ kenniesa, ta’ l-iscammel li jiġbor l-iskart domestiku bieb bieb, servizz ta’ ‘open skips’ għal skart goff, closed skips u servizz ta’ ‘bulky refuse’, jiswew lill-kunsill eluf kbar ta’ liri fis-sena. F’Sannat għandna toroq u passaġġi fl-għelieqi meqjusa bħala ‘non urbans’, jiġifieri mhux toroq abitati. Nsibu fosthom triq il-Lewż, Triq Mġarr ix-Xini u Triq ta’ Bardan. Il-kunsill hu responsabli li jinżammu nodfa. Il-ħsieb tal-kunsill hu li f’dawn it-toroq u f’postijiet oħra jitħawwlu diversi siġar biex jissebbaħ l-ambjent.
Għandhom jibdew diskusjonijiet mad-dipartiment ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart biex fi żmien qasir jibda jsir is-separazzjoni ta’ l-iskart domestiku, sistema magħrufa bħala ‘Bring in Site’. Ser jiġu provduti erbgħa skips għal skart differenti fl-istess post. Il-post magħżul bi prova, ser jkun Triq Xaman, ħdejn il-Mużew.
Talbiet biex jitranġaw passaġġi fl-għelieqi tal-gvern u jinbnew ħitan tas-sejjieħ qegħdin ngħadduhom lid-dipartiment tal-gvern biex jiprovdi ħaddiema tas-sengħa biex jibnuhom. Madwar sentejn ilu l-Kunsilli Għawdxi flimkien għamlu talba lill-Unjoni Ewropeja, biex jingħataw fondi għal bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, bis din it-talba ma ġietx milqugħa. Il-gvern ċentrali kien ivvota xi flus għal bini ta’ ħitan fl-egħlieqi.
Sfortunatament għad baqgħa diversi toroq li jeħtieġu li jingħatalhom wiċċ ġdid bit-tarmac. Hu l-pjan tal-kunsill li skond il-finanzi allokati lilu jirranġa t-toroq li jinsabu fi stat diżastruż u jingħata patching fejn jkun hemm bżonn. Wieħed jrid jżomm f’moħħu li ħafna mix-xogħol jintefa’ lura minħabba nuqqas ta’ materjal, għodod u ħaddiema. Qegħdin nagħmlu pressjoni fuq il-Ministru biex it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilita tagħha jingħataw attenzjoni kif jixraq. Sew rigward tindif, kif ukoll jingħata ‘patching’ fejn jenħtieġ u anke jingħata wiċċ ġdid bit-tarmac. Triq ta’ Ċenċ, għal dawn l-aħħar snin saru diversi xogħlijiet fuqha u għadhom isiru sal-lum, bil-konsegwenza li din it-triq spiċċat fi stat diżastruż.
Għaddejja konsultazzjoni mal-MEPA biex isir tibdil fil-‘Ġnien il-Vittmi tal-Gwerra’ li jinsab fi Triq il-Kbira, li kien sar fi żmien l-kunsill preċedenti, biex jinħarġu l-permessi neċessarji u b’hekk jkun jista’ jingħata s-servizz tad-dawl mill-enemalta u jinxtelgħu l-fanali dekorattivi li hemm madwar.
Għaddejja konsultazzjoni oħra mad-dipartiment ta’ l-immaniġjar ta’ traffiku biex isir xi forma ta’ roundabout, sinjali u ‘humps’ biex jigi ikkontrollat it-traffiku fil-junction bejn triq Ta’ Ċenċ, ma’ triq Marsilja, u triq Dun Luqa. Talbiet biex jsiru ‘traffic police man’ (humps) fi Triq il-Kbira, biex jiġi kkontrollat is-sewqat eċċessiv, ma ġietx milqugħa, minħabba li l-Awtorita ta’ Trasport Publiku nformatna li jekk jsiru, karozzi tal-linja ma jibqgħux jgħaddu minn dawn it-toroq. Twaħħlu diversi sinjali li jindikaw li is-sewqan fir-raħal hu ristret għal 35 kilometru.
Ma’ dipartiment tat-traffiku saret konsultazzjoni dwar tibdil li jista’ jsir fi Sannat Junction, int u dieħel ġewwa r-raħal, biex din ma tibqax ta’ periklu għas-sewwieqa. Waslulna diversi ilmenti u anke suġġerimenti dwar l-entratura għar-raħal tagħna. Sfortunatament seħħew anke incidenti li setgħu kienu fatali. Billi din l-area taqgħa taħt ir-responsabilita tal-Gvern Ċentrali, tkellemna fuq din il-materja mal- Ministru Ġiovanna Debono. Issottomettejna il-proposti tagħna. Il-perit tal-gvern għandu iħejji pjanta għal dan il-post wara li jikkonsultaw mad-dipartiment ta’ l-immaniġjar tat-traffiku.
Hemm il-ħsieb li jsir promenade fi triq Skerla. Għad baqgħa jsir, xi tibdil fil-pjanta biex din tkun tista’ tiġi aċċettata mill-MEPA u jinħarġu l-permessi neċessarji. Permezz ta’ l-avukat tal-kunsill qegħdin nitolbu lill-MEPA biex tgħaddilna t- tlett elef lira li kienu tpoġġew bħala kapparra mill-kuntratturi li waqgħu l-Barumbara, li tmur fl-istorja għal żmien qabel il-ħakma tal-Kavallieri. Dawn il-flus il-kunsill jkun jista’ jużahom għar-restawr tal-Kalkara tal-Ġir li tinsab fi triq Sannat.
Għaddej il-process biex jinħareg il-permess għal bini ta’ uffiċini ġodda tal- kunsill li jkunu aċċessibli għal kulħadd, u biex isir ir-restawr tal-kalkara tal-ġir li tinsab fi stat ħażin u ikkundannata.
Għad hemm il-permessi pendenti għal bini ta’ latrini publici f’Mġarr ix-Xini, u għal żvilupp ta’ playing field fl-area ta’ Seguna.
Billi l-biċċa l-kbira tat-toroq fir-raħal tagħna huma għat-telgħa jew għan niżla, qegħda tinħoloq problema kbira meta tagħmel ħafna xita. Hafna residenti qegħdin jintlew bl-ilma fid-djarhom u qegħda tinħolok konġezzjoni għat-traffiku u problema għal min jkun jrid joħrog mir-residenza tiegħu. L-aktar triqat milqutgħa huma, triq ta’ Ċenċ, triq Dun Xand Aquilina, il-pjazza u triq Sannat. Qiegħed isir studju dettaljat biex nkunu nistgħu napplikaw għal fondi mill-Unjoni Ewropeja. Il-pjan hu li jsiru culverts, tul it-toroq involuti u anke jinbnew ġwiebi fl-għelieqi fil-limiti tal-Qasam (Triq Dr Anton Tabone) biex jilqgħu l-ammont kbir ta’ l-ilma ta’ xita u jkun jista’ jintuża mill-bdiewa.
Il-kunsill hu impenjat li jaħdem bi sħiħ biex isaħħaħ il-livell ta’ l-edukazzjoni fir-raħal tagħna. Qegħdin naħdmu id f’id mas-surmast ta’ l-iskola primarja. Matul is-sena qegħdin jiġu organizzati diversi korsijiet, għal kull livell tal-ħajja.
Mpenn ieħor hu li nifirxu l-kultura, l-edukazzjoni u t-talenti tal-poplu tagħna l-barra minn xtutna u naqsmuhom ma popli oħra. Nhar is-6 ta’ Settembru 2003, is-Sindku flimkien ma l-Arċipriet, kellhom laqgħa kordjali ħafna ma’ l-awtoritajiet għolja f’ Montefiascone. Raħal mill-isbaħ, b’kultura tixbaħ ħafna lil tagħna. Il-patruna ta’ dan ir-raħal hi Santa Margerita u fil-katidral ta’ dan il-post hemm meqjuma r-relikwa ta’ ras Santa Margerita. Beda l-proċess biex fi xhur li ġejjin jiġi iffirmat il-ġemellaġ, bi ftehiem li jkopri diversi setturi.
Il-kunsill għandu diversi sotto kumitati, li huma responsabli minn diversi setturi. Hemm dak responsabli mill-anzjani, l-edukazzjoni, sports, kultura u ambjent. Għal ċertu attivitajiet jkun hemm bżonn li jinħoloq sotto kumitat li jkun responsabli biss minn dik l-attivita, u wara jiġi xolt. Il-kunsill jinpenja ruħu li jikonsulta u jżomm kuntatt kontinwu ma’ l-għaqdiet kollha fir-raħal.
|